L-Iskema esportat 568 tunnellata ta’ refrigeration f’sena
WEEE Malta, l-Iskema għall-Ġbir tal-Iskart Elettroniku u tal-Elettriku, fl-2018 ġabret 40% iktar skart ta’ dan it-tip imqabbel ma’ dak li nġabar is-sena ta’ qabel. WEEE Malta ġabret ftit inqas minn 1500 tunnellata ta’ dan l-iskart u żgurat li jiġi trattat u rkuprat skont il-liġijiet ambjentali, kemm jekk ġie trattat f’faċilitajiet lokali jew inkella esportat barra minn Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WEEE Malta Joe Attard qal “Għal sena oħra WEEE Malta rnexxielha żżid b’mod qawwi l-materjal li ġabret id f’id mal-produtturi msieħba magħha u mill-faċilitajiet għall-iskart goff operati mill-Aġenzija Wasteserv. Iż-żieda hija waħda sinifikanti minkejja li bħala pajjiż għadna lura milli nilħqu r-rata ta’ ġbir skont id-direttiva tal-WEEE tal-Unjoni Ewropeja”
Fi tliet snin kemm ilhom fis-seħħ l-Iskemi li jimplimentaw ir-responsabilita’ estiża tal-produtturi (Extended Producer Responsability), WEEE Malta, flimkien mal-Awtoritajiet tat sehma biex jikber l-għarfien dwar l-immaniġġjar ta’ dan l-Iskart u jinħoloq ‘fair and level playing’ fis-settur.
“Il-pajjiż irid jiżgura li l-iskart riċiklabbli jitrattaħ iktar bħala riżorsa f’ekonomija ċirkulari. Dan irid isir f’kull stadju kemm f’fazi ta’ permessi li jingħataw, l-istandards fil-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ u kif ukoll l-infurzar biex il-materjal kollu ma jispiċċax mormi jew trattat b’mod irregolari” qal is-Sur Attard
L-Iskema sussiddjarja tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji – GRTU tirrappreżenta 380 produttur jew importatur li jbiegħu il-materjal tal-elettriku u l-elettroniku li għandhom obbligu legali li jiffinanzjaw il-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ ta’ dan il-materjal malli jintrema jew tispiċċa l-funzjoni tiegħu. Il-produtturi msieħba ma’ WEEE Malta jpoġġu fis-suq iktar minn 6,000 tunnellata ta’ dan il-materjal li jfisser madwar żewġ terzi tal-prodotti kollha li jinbiegħu f’Malta.
Żewġ terzi tal-materjal li nġabar minn WEEE Malta fl-2018 kien fil-kategorija ‘Large Household Equipment’. Fost dawn, l-Iskema esportat 568 tunnellata ta’ materjal bħal Fridges, Freezers u water heaters li f’Malta m’hawnx impjanti fejn jiġu trattati. F’dawn is-sub kategoriji, WEEE Malta laħqet ir-rata ta’ 50% ġbir skont id-direttiva tal-WEEE.
Il-Kap tal-Operat Sergio Mallia qal “ħafna mill-materjal għar-rimi bħal frigdes u t-televisions kollha jiġu miġbura u jgħaddu lill-Iskemi. Sfortunatament mhux l-istess jista’ jingħad għal materjali oħra li għandhom valur mill-ħadid u metallic oħra li jikkonsistu minnhom. Washing Machines, Cookers u Airconditioners li għal diversi raġunijiet ma jinġabrux dirett mill-produtturi msieħba fl-Iskemi ftit li xejn qed jispiċċaw fis-siti tal-Wasteserv u jingħaddu lill-Iskemi għat-trattament u riċiklaġġ tajjeb tal-materjal. Dan il-materjal qed jispiċċa bnadi oħra u mhux jippermetti lill-iskemi jilħqu iktar il-miri ambjentali”
L-Iskema tappella lil Awtoritajiet bħall-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tkompli żżid l-importanza ta’ dan is-settur kif bdiet tagħmel fl-aħħar xhur. L-Iskema WEEE Malta hija mpenjata li tkompli timplimenta ir-responsabilita’ tal-produtturi msieħba magħha u taħdem qatiegħ biex jikbru l-istandards ambjentali fil-Pajjiż li minnhom igawdu ċ-ċittadini kollha.
Għal Iktar Informazzjoni tista’ tikkuntattja lil:
Sergio Mallia
sergio@weeemalta
+356 99854935